Storja taċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar

Għal ħafna snin issa ħafna mill-parroċċi Maltin kienu għaddejjin minn bidla kbira. Fi żmienna r-residenti anzjani li jgħixu fil-qalba tar-raħal huma f’minoranza, filwaqt li mijiet ta’ familji, biex ma ngħidux eluf, bdew u għadhom qegħdin jitfgħu l-ankri fil-limiti ta’ dawn l-istess irħula li għadhom qegħdin jiżviluppaw. Il-bini f’dawn l-akwati fil-periferi tar-raħal, tant kiber u tferrex li saħansitra daħal fuq it-trufijiet ta’ rħula oħra.

Minħabba li dan l-iżvilupp seħħ relattivament ‘il bogħod mhux ħażin miċ-ċentru tar-raħal u għalhekk mill-knisja parrokkjali, ftit ftit dawn iż-żoni residenzjali bdew iħossuhom maqtugħin minn dik l-attenzjoni pastorali, li normalment għan-nies tar-raħal qiegħda bieb u għatba. Ħafna minn dawn ir-residenti f’dawn iż-żoni l-ġodda ġejjin minn kull rokna ta’ Malta, u għalhekk hemm fihom il-bżonn, u forsi wkoll ix-xewqa, li jiksbu dak is-sens fejn iħossuhom biċċa mill-komunità parrokkjali. Ir-raħal tan-Naxxar għandu żona ġdida bħal din li qiegħed nikteb dwarha, magħrufa bħala “Is-Sgħajtar”, kelma Semitika li hija d-diminuttiv ta’ “sagħtar”, dik il-ħaxixa aromatika li tant tfuħ u li minn żmien ilu ilna nassoċċjaw mal-presepju u għalhekk mal-festa kbira tal-Milied. Iż-żona hija mdaqqsa, u f’xi partijiet firxet il-pedamenti fuq il-Mosta.

Il-bżonn kien ilu jinħass għal Ċentru Pastorali li jkun jista’ jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali ta’ din iż-żona fejn l-għadd tar-residenti kiber sewwa u għadu qed jikber. Ċentru bħal dan kien jiswa mitqlu deheb għax ikun jista’ joffri servizzi bħal quddies, tagħlim u tagħrif reliġjuż, attivitajiet għaż-żgħażagħ u t-tfal, kif ukoll irtiri u seminars.

Storja qasira taċ-Ċentru

Fit-30 ta’ Ġunju, 1988, il-Kummissjoni Żoni u Limiti Parrokkjali tad-Djoċesi ddeċidiet li l-Parroċċa tan-Naxxar għandha tieħu ħsieb li jinbena Ċentru Pastorali fis-Sgħajtar minħabba li kien tela’ ħafna bini u li din iż-żona se tkompli tiżviluppa. Imbagħad, fl-4 ta’ Novembru, 1992, twaqqaf il-Kumitat Ċentru Pastorali Sgħajtar biex ifassal pjanti tal-proġett u jorganizza ħidma ta’ ġbir ta’ fondi. Wara l-approvazzjoni mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi u mill-Kunsill Parrokkjali, l-istess Kumitat għażel u ta liċ-Ċentru l-isem: Kappella Familja Mqaddsa. Bejn l-1991 u l-1992 saret ħafna riċerka, u wara kuntatti ma’ Torri Gardens Limited, biċċa art fis-Sgħajtar qrib il-barriera, tpartet ma’ biċċa art tal-knisja fil-Madliena. Il-konvenju għal dan sar nhar l-10 ta’ Lulju, 1992, u kien suġġett għall-approvazzjoni tas-Santa Sede. Il-kuntratt għal dan il-ftehim sar fid-29 ta’ Settembru,1993, bejn Torri Gardens Limited u l-Kurja f’isem il-parroċċa tan-Naxxar. Fit-2 ta’ Lulju, 1993, wara li l-Kumitat, flimkien mal-periti F. Montesin u Joe Spiteri fasslu l-pjanti tal-proġett, saret l-applikazzjoni għall-bini taċ-Ċentru Pastorali quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, liema proġett ġie approvat mill-Kummissjoni Arti Sagra tal-Knisja fid-9 ta’ Frar, 1994. Oriġinarjament, l-ewwel sett ta’ pjanti taċ-Ċentru, kienu poġġew id-dħul għall-kappella ‘l ġewwa fil-kumpless u mhux direttament minn barra, iżda dawn il-pjanti kienu mogħtija l-ġenb mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi u għalhekk kellhom jitfasslu pjanti ġodda. Fost il-ħafna tibdil, id-disinn il-ġdid ressaq il-kappella fuq quddiem hekk li d-dħul għaliha kien direttament minn barra, eżattament kif inhi llum. Dawn il-pjanti l-ġodda ġew approvati formalment b’digriet mill-Kurja nhar il-5 ta’ Diċembru,1994, liema digriet approva wkoll li għall-finanzjament tal-proġett jistgħu jintużaw xi fondi tal-Parroċċa. Kien imbagħad fis-7 ta’ Ottubru, 1994, li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permessi għall-bini taċ-Ċentru Familja Mqaddsa b’kappella miegħu.

Wara sejħa għall-offerti, tmien kuntratturi ewlenin tefgħu l-offerta tagħhom. Dawn infetħu fil-preżenza tal-periti, membri tal-Kumitat u rappreżentanti tal-kuntratturi. Il-kuntratt rebħu u ġie ffirmat nhar id-9 ta’ Diċembru, 1994 minn A.X.Holdings Ltd li tefa’ l-iktar offerta vantaġġjuża. Wara t-tqattigħ tal-blat li sar f’Novembru 1994, il-kumpanija A.X. Holdings bdiet ix-xogħol tal-bini, preċiżament fis-6 ta’ Frar, 1995, iżda t-tqegħid uffiċjali ta’ l-ewwel ġebla sar formalment fis-7 ta’ Mejju, 1995, minn Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Għalkemm ix-xogħol beda għaddej b’ritmu mgħaġġel, l-ewwel quddiesa kienet iċċelebrata mill-ewwel rettur taċ-Ċentru, Dun Rene` Vella, nhar it-8 ta’ Diċembru, 1996 fis-sala kantina taċ-Ċentru, minħabba li x-xogħol fuq il-kappella proprja kien għadu għaddej. Għal din l-ewwel quddiesa attendew madwar 250 resident. Żewġ quddisiet bdew jitqaddsu regolari kull nhar ta’ Ħadd, waħda fit-8.15 u l-oħra fl-10.15 ta’ filgħodu, u dawn għadhom isiru sa llum. Imbagħad, fl-199 , żdiedet it-tielet quddiesa, li bdiet issir nhar ta’ Sibt fis-6.00 ta’ filgħaxija.

Fl-istess waqt bdew isiru xi klassijiet tad-duttrina f’dawk il-partijiet mibnija taċ-Ċentru. Fil-fatt il-proġett ġab miegħu effett pożittiv għall-aħħar fost il-familji li kienu joqogħdu fl-inħawi tas-Sgħajtar, fi sforz kollettiv ta’ attivitajiet li kienu jinkludu, fost affarijiet oħra, ġbir ta’ fondi u xogħol varjat ta’ volontarjat. Fost din il-ħafna attivita` ikun xieraq insemmu l-Lejla Maltija/Sgħajtar li kienet imtellgħa l-ewwel darba f’Lulju tas-sena 199 , u li għadha ssir sa llum.

Wara tliet snin u nofs ta’ ħidma impenjattiva, eżattament nhar it-8 ta’ Diċembru, 1998, fil-festa tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija, il-Kunċizzjoni, Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca inawgura u bierek iċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar flimkien mal-kappella. Bla dubju li dan kien jum mill-isbaħ għal ħafna u ħafna nies, għaliex il-ħolma tagħhom twettqet.

Ta’ min isemmi hawnhekk il-ħidma koordinattiva ta’ Dun Salvinu Micallef, li għal erbatax-il sena kien l-Arċipriet tal-parroċċa tan-Naxxar. Grazzi lilu li ċ-Ċentru nbena fl-iqsar żmien possibbli. Barra Dun Rene` Vella, li kien l-ewwel rettur, iċ-Ċentru kellu żewġ retturi oħra, Dun Frans Abdilla u Dun Ray Żammit, li għadu jmexxi sa llum.

Minbarra l-organizzazzjoni tal-klassijiet tal-katekiżmu fil-livelli kollha, fiċ-Ċentru jsiru wkoll tiġijiet, laqgħat varji għal diversi sezzjonijiet tal-komunita`, seminars, irtiri u eżerċizzi spiritwali fi żmien ir-Randan. Ta’ min isemmi wkoll, li barra l-quddies tas-Sibt u l-Ħadd, matul il-Ġimgħa titqaddes quddiesa kuljum, fis-7.00 ta’ filgħaxija. Il-quddies nhar il-festi b’obbligu tal-quddies, ikun l-istess bħal ta’ tmiem il-ġimgħa, filwaqt li f’festi oħra, reliġjużi u pubbliċi, issir quddiesa waħda filgħodu, fid-9.00.

L-Altar

Il-kelma ‘altar’ tfisser struttura jew post fejn isir is-sagrifiċċju. Sa mill-qedem il-knisja ħarset lejn l-artal bħala l-mejda sagra. Skont il-Konċilju Vatikan II, l-altar huwa l-post fejn, permezz tas-sagramenti, jintwera u jitwassal is-sagrifiċċju tas-salib. Hija l-mejda tal-Mulej, u l-fidili miġbura fil-quddiesa huma mistiedna biex jaqsmuha miegħu.

L-altar fil-kappella tagħna huwa ċentrali, u għalhekk mill-ewwel jiġbed l-attenzjoni tal-kongregazzjoni. Bħalma hija n-norma f’ħafna kappelli u knejjes moderni, m’hemmx altari oħra fil-kappella. L-istess bħall-ambone, l-altar nħadem mill-ġebla tal-qawwi, li nġabet apposta minn Ħondoq ir-Rummien, Għawdex, u nħadem mid-ditta Agius – Xogħlijiet fil-ġebel u fl-irħam, tal-Imqabba.

L-altar għandu forma ta’ nofs ċirku, u għajr għal tvalja bajda li tgħattilu l-wiċċ kollu, flimkien ma’ arranġament żgħir ta’ fjuri u żewġ xemgħat imqiegħda fuq naħa waħda, l-altar inżamm għal kollox għeri u sempliċi, nieqes minn kull tiżjin żejjed, biex ma jkun hemm xejn li jista’ jtellef il-kongregazzjoni milli tara u ssegwi x’qed jiġri fuqu.

Fuq il-ħajt wara l-altar, tpoġġiet statwa kbira ta’ kristu msallab u fl-istess waqt irxuxtat, b’dirgħajh u jdejh miftuħin biex, simbolikament, fi ħdanhom, jiġbor l-umanità kollha mifdija. Minħabba l-kobor tal-istatwa u l-għoli li ddendlet fih, ix-xbieha tista’ titgawda mill-kongregazzjoni kollha. L-istatwa, maħduma mill-fibre glass, hija xogħol l-iskultur Rabti, Anthony Agius. Salib ċkejken, merfugħ fuq lasta twila tal-injam u li jintuża purċissjonalment fil-bidu u fit-tmiem tal-quddiesa, għandu l-bażi tiegħu fuq il-lemin tal-altar meta tħares lejh minn quddiem.

L-Ambone

Matul l-istorja tal-knisja kien hemm żvilupp sħiħ fil-forma tal-ambone, l-użu u l-post tiegħu fil-knisja. Matul is-snin, bil-mod il-mod, ħadlu postu l-pulptu. Kien wara t-tiġdid liturġiku li seħħ bis-saħħa tal-Konċilju Vatikan II, li s-sinifikat oriġinali tal-ambone lejn il-ħajja nisranija reġa’ nstab.

L-ambone huwa l-post minn fejn titwassal il-kelma t’Alla, minn fejn is-salmi responsorjali jingħadu kuljum, u fejn ukoll issir il-proklamazzjoni tal-Għid (l-Exultet). Huwa wkoll il-post minn fejn iċ-ċelebrant, fil-quddiesa, jagħmel l-omelija, u fejn isiru t-talbiet tal-fidili. L-ambone jissimbolizza l-qabar vojt nhar Ħadd il-Għid filgħodu. Il-funzjoni tal-ambone hija li tgħin biex iġġib il-vuċi tal-qarrej lill-kongregazzjoni miġbura. Tajjeb wieħed jinnota li l-ambone għandu jkun elevat, ogħla mill-altar, għaliex il-proklamazzjoni ta’ Alla għas-salvazzjoni tiġi mill-għoli.

L-ambone għandu jkun stazzjonarju u ma jiċċaqlaqx. Għandu wkoll jinbena u jitqiegħed b’tali mod hekk li min jaqra minn fuqu jkun jidher u jinstema’ sew. L-ambone fil-kappella Familja Mqaddsa jirrispetta dawn il-kundizzjonijiet kollha. Meta tħares lejh minn quddiem, l-ambone qiegħed fuq ix-xellug tal-altar, bħalma fil-fatt ikun fi knejjes oħra. Huwa wiesa’ biżżejjed biex fuqu l-qarrej iħossu komdu, filwaqt li l-ispazju ta’ fuq huwa kbir biżżejjed biex fuqu joqogħdu sewwa l-kotba meħtieġa.

Il-materjal li minnu jkun maħdum l-ambone għandu jkun addattat biex jintuża f’post qaddis, filwaqt li l-aspett artistiku tiegħu għandu jikkumplimenta biex jgħin fit-twemmin u d-devozzjoni tal-miġbura. Għandu wkoll jimxi id f’id mal-kulturi u t-tradizzjonijiet tal-lokal. L-ambone fil-kappella Familja Mqaddsa, barra li għandu dehra elliptika li tolqot l-għajn, huwa maħdum mill-ġebla tal-qawwi miġjuba apposta minn Ħondoq ir-Rummien, Għawdex. Bħall-altar, it-tnejn inħadmu mid-ditta Agius – xogħlijiet fil-ġebel u fl-irħam, tal-Imqabba.

It-Tabernaklu

Bla dubju li t-tabernaklu huwa l-akbar teżor f’kull knisja jew kappella, għaliex fl-Ewkaristija hemm il-Preżenza ta’ Alla nnifsu. Fil-kappella Familja Mqaddsa, it-tabernaklu qiegħed eżatt fuq il-lemin, qabel il-presbiterju, u għalhekk qiegħed f’post ideali qrib il-miġemgħa biex iqanqal talb privat u adorazzjoni.

Għal madwar għaxar snin, jiġifieri sa mill-ewwel quddiesa li saret fis-sala kantina f’Mejju 1995, sa Novembru 2005, it-tabernaklu fil-kappella taċ-Ċentru kien wieħed sempliċi ta’ l-injam, għal użu proviżorju. Imbagħad, sa mill-bidu tal-ħatra tiegħu bħala t-tieni rettur, Dun Frans Abdilla, wera interess kbir li jkollna tabernaklu sabiħ u li jixraq lil kappella ġdida. Minkejja li Dun Frans dam inqas minn sena f’din il-kariga ta’ rettur, huwa żamm kelmtu. F’Novembru 2005 inxtara minn Sqallija tabernaklu sabiħ artistiku, indurat bid-deheb. Dan kien maħdum apposta għall-kappella mill-Appostolato Liturġico, kongregazzjoni ta’ sorijiet mxerrda mad-dinja kollha, magħrufin uffiċjalment bħala Pie Discepole del Divin Maestro, li jispeċjalizzaw f’dan ix-xogħol.

It-tabernaklu juri xbieha tal-Aħħar Ikla, b’ħobża u kalċi tal-inbid quddiem il-figura ċentrali ta’ Ġesù. It-tabernaklu għandu dehra ħelwa li tiġbdek, bi sfond tad-deheb, migruf b’tali mod li jfakkrek f’għalqa qamħ fejn iż-żbul jixxejjer ‘l hinn u ‘l hawn jidher donnu mewġ imqanqal minn żifef ħfief. Il-ftit kulur, aħdar u roża ċar, jeħduh ftit boċċi x’aktarx żengulin imqegħdin fl-erba’ kantunieri. Dawn il-boċċi jirrappreżentaw l-għeneb li minnu nieħdu t-tieni ingredjent essenzjali għas-sagrament tal-Ewkaristija, l-inbid. Il-lewn dehbieni tat-tabernaklu mill-ewwel jattira l-għajn, u l-estetika mrażżna fix-xogħol kollu tiġbrok fil-ħsieb u tħajrek għat-talb.

John Caruana
Naxxar – 22 ta’ Frar, 2008