28th September 2015

Zwieġ

Il-bniedem huwa msejjaħ biex iħobb u joħroġ fid-deher ix-xbieha t’Alla li hemm fih għax Alla huwa mħabba. Raġel u mara li jingħaqdu fis-sagrament taż-żwieg iwettqu din is-sejħa billi jsiru għotja sħiħa, dejjiema u esklussiva għal xulxin.

‘U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom … Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed’ (Ġen 1,27; 2,24).

Koppja miżżewġa magħqudin flimkien bħala ‘ġisem wieħed’ huma xbieha t’Alla għax Alla nnifsu huwa komunjoni. It-tliet persuni, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu jgħixu f’unità perfetta għall-eternità. Il-misteru taż-żwieġ hu l-imħabba t’Alla riflessa fil-koppja li jiddeċiedu li jingħataw għal xulxin għal dejjem u ma jibqgħux iżjed tnejn imma kif tgħidilna l-Iskrittura jsiru ‘ġisem wieħed’.

Fl-ittra lill-Efesin, San Pawl jenfasizza li l-miżżewgin insara huma xbieha ta’ misteru: ir-relazzjoni bejn Kristu u l-Knisja (ara Ef. 5, 21-33). Il-Knisja hija l-għarusa ta’ Kristu u Kristu ta ħajtu għall-Knisja. Hawn tidher ċara l-vokazzjoni tal-koppja li jidħlu għaż-żwieg nisrani. Ir-raġel u l-mara huma kkonsagrati f’imħabbithom. Is-Sagrament taż-Żwieg huwa għajn li minnu l-koppja jieħdu l-grazzja li jeħtieġu biex ikunu jistgħu iwettqu l-missjoni tagħhom. Iż-żwieg sagrament qiegħed biex iqaddes lill-koppja. F’affarijiet ċkejknin ta’ kuljum u minkejja d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom, il-koppja jipperseveraw fl-għotja tagħhom infushom għal xulxin u jibqgħu jkunu xbieha tal-imħabba li Kristu għandu għal Knisja, tant li jibqa’ jagħti ħajtu għaliha b’fedeltà sħiħa.
Il-miżżewġin insara huma msejħa biex ikunu miftuħin għall-ħajja, jilqgħu l-ulied li l-Mulej jogħġbu jibgħatilhom u jrabbuhom fil-biża’ tiegħu. Huwa l-Mulej li jissiġġilla ż-żwieg nisrani u ‘dak li għaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem’ (Mk 10, 9).

Dawk kollha li jkunu ser jersqu għal dan is-sagrament, huma mistennija li jersqu u jagħmlu kors ta’ Kana mill-inqas sentejn qabel. Sitt xhur qabel it-tieġ dawn il-koppji għandhom jattendu wkoll seminar.

Dawk kollha li jkunu jixtiequ jiżżewġu fil-Kappella Familja Mqaddsa, li qiegħda fl-istess Ċentru, għandhom jitkellmu ma’ Dun Ray biex jibbukjaw id-data tat-tieg taghhom. L-ahjar li tintbghat email jew inkella sms biex taraw id-data jekk hix available, u wara isir appuntament biex jimtlew il-karti mehtiega.

Fiċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar it-tiġijiet isiru jew nhar ta’ Gimgha (hlief fl-Ewwel Gimgha tax-xahar); jew nhar ta’ Sibt wara s-7.15 p.m.; jew nhar ta’ Ħadd wara l-11.15 a.m. u waranofsinhar. Fil-festi nazzjonali u pubbliċi (li fihom mhemmx obbligu tal-quddies) iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tista’ ssir mill-10.15am ‘il quddiem, inkluż waranofsinhar, imma fil-festi kmandati, iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tista’ ssir skont il-ħinijiet tal-Ħadd.

Zwieġ

Zwieġ