28th September 2015

Via Sagra

Formazzjoni u talb – Via Sagra

Fil-Kappella Familja Mqaddsa issir il-Via Sagra kull nhar ta’ Ġimgħa fis-6.30pm qabel il-quddiesa tas-7.00pm.
Għalina l-insara, il-Via Sagra hija sinonima mar-Randan, mal-Ġimgħa Mqaddsa u mal-Ġimgħa l-Kbira. Fiha nikkontemplaw, f’erbatax-il stazzjon il-mixja ta’ mħabba li għamel għalina s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu mingħand Pilatu sa ma offra ħajtu fuq is-Salib ‘f’post jismu Golgota’ (Mk 15, 22).

Din id-devozzjoni ngħata uffiċjalment l-isem ta’ Via Sagra fis-sittax-il seklu u l-istorja tgħidilna li din id-devozzjoni evolviet maż-żmien. Jingħad li Ommna Marija Santissima kienet ta’ kuljum iżżur it-triq tal-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fis-sena 312, fiż-żmien tal-Imperatur Kostantinu, it-triq tas-Salib ġiet immarkata bl-istazzjonijiet ewlenin. Folol kbar ta’ pelligrini minn diversi pajjiżi kienu jżuru dawn is-siti qaddisa.

Fil-ħames seklu id-devozzjoni nxterdet il-barra minn Ġerusalemm għal dawk li ma setgħux iżuru l-Art Imqaddsa. Ta’ min isemmi li St. Petronius, Isqof ta’ Bologna bena diversi kappelel fil-monasteru ta’ San Stefano li kienu jirrapreżentaw diversi siti qaddisa tal-Art Imqaddsa. Id-devozzjoni kompliet tinxtered fl-Ewropa wara li l-aċċess għall-Art Imqaddsa ġie mblukkat mill-Musulmani Torok. Fl-1691 il-Papa Clement XII ta l-permess li jitwaqqfu erbatax-il stazzjon fil-knejjes kollha u d-devozzjoni baqgħet tinxtered sa llum.

L-Erbatax-il Stazzjon tal-Via Sagra

1. Ġesù kkundannat għal mewt bla ħtija
2. Ġesù jilqa’ s-Salib
3. Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba taħt is-Salib
4. Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu Marija Santissima
5. Xmun ta’ Ċirene mġiegħel jerfa’ s-Salib
6. Il-Veronika timsaħ wiċċ Ġesù
7. Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt is-Salib
8. Ġesù jkellem lin-nisa ta’ Ġerusalemm
9. Ġesù jaqa’ għat-tielet darba taħt is-Salib
10. Ġesù jneżżgħuh il-libsa
11. Ġesù jsammruh fuq is-Salib
12. Ġesù jmut fuq is-Salib
13. Ġesù jpoġġuh fi ħdan Ommu Marija Santissima
14. Ġesù jidfnuh f’qabar ġdid

Via Sagra

Via Sagra