28th September 2015

Tqarbin

Is-Sagrament tal-Ewkaristija huwa wieħed mit-tliet sagramenti tal-inizjazzjoni li permezz tagħhom in-nisrani jsir membru sħiħ tal-Knisja. Is-sagrament tal-Ewkaristija huwa s-sagrament tal-imħabba għaliex biex imantnina b’Ġismu u b’Demmu Sidna Ġesù Kristu niżel jgħammar fostna, ta ħajtu għalina u ried jibqa’ magħna. Minn hawn gej ukoll l-isem ta’ dan is-sagrament – ‘Ewkaristija’ li tfisser ringrazzjament, ringrazzjament ‘l Alla li tana lill-Ibnu l-waħdieni biex isalvana.

Ġesù waqqaf is-sagrament tal-Ewkaristija nhar Ħamis ix-Xirka meta ġabar l-Appostli tiegħu fiċ-Ċenaklu u ċċelebra l-Aħħar ikla tiegħu magħhom.

‘Imbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi. Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom”’ (Lq 22: 19).

Santu Wistin jgħidilna li jekk il-Magħmudija twellidna mill-ġdid f’dik li hija l-ħajja tar-ruħ tagħna, l-Ewkaristija trejjaq u tmantni l-ħajja ta’ Alla fina, tmantniha billi twassalha għas-sħuħija tal-għaqda tagħna ma’ Kristu. Kif jgħidlna San Pawl: ‘Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu’ (Gal 2, 20).

L-Ewkaristija hija l-Ħobż ħaj li mingħajru n-nisrani ma jistax jgħix għax hi l-għajn u l-quċċata tal-ħajja nisranija. Għalhekk l-Ewkaristija mhux biss nirċevuha imma rridu ngħixuha. Kristu jiġi fina biex aħna ninbidlu fiH. Meta għex ħajtu fostna Sidna Ġesù Kristu għamilha ta’ qaddej, kien bniedem għall-oħrajn u l-grazzja t’Alla li nirċievu permezz ta’ dan is-sagrament tgħinna ningħataw għall-oħrajn għax in-nisrani awtentiku huwa bniedem għall-oħrajn. Kull darba li nersqu biex nitqarbnu bl-Ewkaristija Mqaddsa u ngħidu ‘Ammen’ inkunu qed nikkommettu ruħna li ‘iva’ rridu nkunu l-Ġisem ta’ Kristu, il-Knisja, allura qaddejja tal-oħrajn.

Iċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar joffri formazzjoni għal dawk it-tfal li jkunu waslu għall-Ewwel Tqarbina waqt il-klassijiet tal-katekiżmu kemm is-Sibt kif ukoll matul il-Gimgħa. Aktar tagħrif dwar id-duttrina jinkiseb hawnhekk.
Din is-sena, l-Ewwel Tqarbina kienet iċċelebrata nhar il-Hadd 31 ta’ Mejju 2015 fl-5pm.

Għall-konvenjenza tar-residenti li joqogħdu fl-akwati tas-Sgħajtar, iċ-Ċentru joffri servizz ta’ qrar u tqarbin fid-djar għall-morda u l-anzjani. Jekk tixtieq tircievi dan is-servizz jekk jogħġbok kellem lil Dun Ray.

Tqarbin

Tqarbin