28th September 2015

Teologija tal-Ġisem

Formazzjoni u Talb – Teologija tal-Ġisem

Mhux l-ewwel darba li tisma’ persuni li jgergru li, fil-kitbiet u d-diskorsi tagħha, il-Knisja tuża kliem li hu diffiċli u li ma jinftihemx minn ħafna nies. Għall-ewwel, il-frażi ‘teoloġija tal-ġisem’ tista’ tinstema’ bħala waħda minn dawn il-frażijiet li jidhru strambi u diffiċli biex jinftehmu. Hi frażi li ħafna drabi tqanqal żewġ sentimenti prinċipali – dak li jkun jista’ jħossu mħawwad kif żewġ kelmiet tant differenti minn xulxin bħalma huma ‘teoloġija’ u ‘ġisem’ jistgħu jitpoġġew fl-istess sentenza; mill-banda l-oħra hemm persuni oħra li din il-frażi tqanqal fihom interess biex jaraw x’konnessjoni jista’ jkun hemm bejn kelma li tinstema’ tant reliġjuża (teoloġija) u kelma li tinħass tant sekulari u umana (ġisem).

Madanakollu l-Papa Ġwanni Pawlu II kien jaf sewwa x’kien qed jagħmel meta kiteb u ġabar numru ta’ riflessjonijiet flimkien u tahom it-titlu ‘teoloġija tal-ġisem’. Hu kien konxju li qed ngħixu fi żmien fejn it-tagħlim tal-knisja dwar il-ġisem u s-sesswalità kien dejjem aktar qed jiġi mwarrab; żmien fejn il-poplu kien qed jara l-knisja bħala istituzzjoni li ‘baqgħet lura’ fil-mixja li qed tagħmel is-soċjetà; il-mixja li qed jagħmlu l-koppji kemm għarajjes u miżżewġin u anke l-mixja ta’ persuni li għażlu li ma jiżżewġux. Dan kollu kien ukoll qed jiġri fi sfond soċjali ikkaratterizzat mir-revoluzzjoni sesswali u mill-effetti tagħha u l-Papa Ġwanni Pawlu II kien konxju li l-Knisja kienet għadha ma sabitx vuċi biex tindirizza l-isfidi li din ir-revoluzzjoni ġabet magħha.

Kien għalhekk li ddeċieda li jgħaqqad flimkien l-esperjenzi personali u pastorali tiegħu b’mod partikolari maż-żgħażagħ, għarajjes u miżżewġin u t-tagħlim akkademiku li hu kellu biex jikteb numru ta’ riflessjonijiet li permezz tagħhom xtaq jipproponi viżjoni ġdida tal-bniedem u s-sesswalità tiegħu. Hu kien ċert mis-sbuħija u r-relevanza ta’ dan it-tagħlim għall-ħajja ta’ kull bniedem u għalhekk xtaq li juża l-intelliġenza u l-enerġija kollha tiegħu biex permezz tat-‘teoloġija tal-ġisem’ jipproponi dan it-tagħlim b’mod tassew sabiħ u b’lingwaġġ aktar modern għall-ġenerazzjonijiet ta’ żmienu u anke dawk ta’ warajhom.

Forsi hawn wieħed jistaqsi: x’inhuma s-suġġetti li l-Papa jiddiskuti f’dawn ir-riflessjonijiet? Diffiċli tiġbor kollox fi ftit kliem anke għaliex imiss ħafna suġġetti u issues differenti fosthom kif il-bniedem hu maħluq biex iħobb u jkun maħbub; il-ġisem bħala ħolqien li jkellimna dwar Alla; il-viżjoni tal-Knisja dwar iż-żwieġ, l-ulied u anke dwar l-għażla ta’ min ma jiżżewwiġx u tant oħrajn. Wieħed jista’ jsib dawn ir-riflessjonijiet kollha miġbura fi ktieb wieħed iżda minħabba l-lingwaġġ tagħhom – li mhux dejjem hu faċli – hu ħafna isbaħ u utli li wieħed jiskoprihom permezz ta’ laqgħat fi grupp fejn l-ispjegazzjoni ssir bil-Malti u fejn ikun hemm il-possibiltà li wieħed jistaqsi u jiddiskuti dwar id-diversi temi li jissemmew.

Laqgħat bħal dawn isiru minn żmien għal żmien fiċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar, anki minħabba li qed nipproponuhom minflok is-seminar li l-għarajjes ikunu jridu jagħmlu wara l-Kors ta’ Kana imma qabel ma jiżżewġu. L-għarajjes jingħataw ċertifikat ta’ attendenza li jkunu jistgħu jippreżentaw lill-kappillan tagħhom qabel ma jiżżewġu. Madanakollu, il-laqgħat huma miftuħa kemm għall-għarajjes kif ukoll għall-miżżewġin.

—- (archive)

Is-Seminar li jmiss se jsir fiċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar, is-Sibt 19 ta’ Jannar 2013 bejn id-9am u l-4pm, u jkompli l-Ħadd 20 ta’ Jannar 2013 bejn l-10.15am u s-1pm. Nitolbu lil min jixtieq jattendi biex jimla l-formola t’hawn taħt u jibgħathielna bil-posta.