28th September 2015

Qrar

Is-Sagrament tal-Qrar jissejjaħ ukoll Sagrament tal-Penitenza, tar-Rikonċiljazzjoni, tal-Maħfra u tal-Konverżjoni.
Huwa minnu li l-Magħmudija taħsilna u tagħtina ħajja ġdida fi Kristu, imma ma teħlisniex min-natura dgħajfa tagħna lanqas mill-ġibda lejn id-dnub. Kien għalhekk li Sidna Ġesù Kristu waqqaf is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni nhar Ħadd il-Għid filgħaxija meta wera lilu nnifsu lill-Appostli u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġw 20, 22-23).

Is-Sagrament tal-Maħfra huwa rigal mingħand Alla li dejjem jistenniena b’idejh miftuħa biex bil-ħniena tiegħu bla tarf jaħfrilna u jerġa’ jħabbibna miegħu. Li taħfer tfisser tħobb. Huwa propju għalhekk li s-sagrament tal-Qrar huwa grazzja kbira għalina l-insara, għaliex wara li b’indiema perfetta l-midneb jistqarr ħtijietu, is-Saċerdot f’isem Ġesù Kristu jaħfirlu dnubietu, iwassallu l-ħniena t’Alla u jerġa’ jħabbu miegħU. L-imħabba hija l-qofol tal-liġi t’Alla u d-dnub iseħħ meta bil-ħsieb, bil-kliem u bl-għemil in-nisrani jikser ir-relazzjoni ta’ mħabba m’Alla u mal-bnedmin. Id-dnub ijassar lill-midneb u jneħħilu l-libertà filwaqt li Ġesù Kristu jeħles lill-midneb mill-jasar u jagħtih il-veru ħelsien.

In-nisrani għandu jieħu l-eżami tal-kuxjenza bis-serjetà u jersaq għas-Sagrament tal-Qrar b’mod regolari biex iżomm ruħu fil-grazzja t’Alla. Kull nisrani li jasal għall-età tar-raġuni għandu jqerr id-dnubiet gravi tiegħu almenu darba fis-sena, u dan qabel ma jersaq għat-Tqarbin Imqaddes.
It-tfal li jattendu għall-katekiżmu fiċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar u li jkunu se jersqu għall-Ewwel Tqarbina jiġu mħejjija wkoll biex jirċievu s-Sagrament tal-Qrar waqt il-ħin tad-duttrina. Aktar dettalji dwar il-ġranet u l-ħinijiet tad-duttrina jinkisbu minn hawnhekk.

Qrar

Qrar