28th September 2015

Ordni Sagri

Liturġija – Ordni Sagri

Is-sagrament tal-Ordni Sagri huwa s-sagrament li bih il-missjoni f’data lill-Appostli minn Kristu tkompli titwettaq fil-Knisja sal-aħħar taż-żmien. Dan is-sagrament hu wieħed imma fih tliet gradi, dak tal-episkopat, il-presbiterat u d-djakonat li flimkien jagħmlu l-Ġerarkija tal-Knisja u huma parteċipanti fis-Saċerdozju ta’ Kristu. Kristu huwa s-Saċerdot waħdieni għax offra lilu nnifsu lill-Missier għas-salvazzjoni tad-dinja. Permezz tal-Ordni Sagri, in-nisrani jinħatar biex ikun ir-rappreżentant ta’ Ġesù Kristu fuq l-art u jaġixxi fil-persuna ta’ Kristu (in persona Christi). Fil-qadi tal-ministeru tiegħu, is-Saċerdot qiegħed dejjem għas-servizz u għall-bini tal-Knisja, huwa jrid jgħin lill-Poplu t’Alla fil-mixja tiegħu lejn Alla.

L-Ordinazzjoni episkopali tagħti l-milja tas-Sagrament tal-Ordni, tagħmel lill-Isqof bħala suċċessur tal-Appostli. L-Isqfijiet immexxijin mill-Ispirtu s-Santu jmexxu l-Knisja preżenti fid-dinja kollha. L-Isqfijiet flimkien jiffurmaw il-Kulleġġ tal-Isqfijiet li tiegħu l-Papa huwa l-Kap. Il-Papa huwa r-Ragħaj ewlieni tal-Knisja; suċċessur ta’ San Pietru u Isqof ta’ Ruma.

Id-dilka tal-Ispirtu s-Santu timmarka l-presbiteru b’karattru spiritwali li ma jitħassarx, tagħtih xebh ma’ Kristu saċerdot biex ikun jista’ jaqdi l-missjoni tiegħu f’isem Kristu r-ras tal-Knisja. Is-Saċerdot hu kkonsagrat biex jiċċelebra l-Ewkaristija, jamministra s-sagramenti l-oħra, minbarra l-Griżma tal-Isqof u l-Ordni Sagri u jgħallem lill-poplu. B’hekk iwettaq l-ħidmiet ta’ Kristu: Saċerdot, Għalliem u Ragħaj.

Id-djaknu hu ordnat għal qadi fil-Knisja fuq xebh ma’ Kristu qaddej ta’ kulħadd. Hu jservi lill-Isqof u lis-saċerdoti fil-liturgija, iqarben fil-Quddiesa kif ukoll lill-morda, jgħammed, jassisti u jbierek iż-żwieg kif ukoll jipprietka.

Is-Sagrament tal-Ordni Sagri jista’ jingħata mill-Isqfijiet u huwa biss raġel mgħammed li jista’ jirċievi dan is-sagrament. L-ordinazzjoni tagħti karattru spiritwali li ma jitħassar qatt u għalhekk ma tistax tiġi repetuta.

Is-saċerdozju hu grazzja li Alla jagħti lil dawk li huwa stess jagħżel u dawn jaċċettaw is-sejħa u din il-grazzja hi servizz lil Alla u lill-bnedmin.

Fiċ-Ċentru jsiru laqgħat tal-vokazzjonijiet. Dawk interessati li jkollhom aktar informazzjoni, huma mitluba li jkellmu lil Dun Ray jew lil Dun Charlon Muscat, id-direttur tal-vokazzjonijiet, fuq 79964557 jew permezz tal-posta elettronika: vocationcentre@maltaseminary.org .

Ordni SagriOrdni Sagri