28th September 2015

Lectio Divina

Formazzjoni u talb – Lectio Divina

Fiċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar qed nagħmlu Lectio Divina darba fix-xahar, kull raba’ Erbgħa tax-xahar, fis-6pm. Kulħadd huwa mistieden biex jattendi.

 

X’inhi Lectio Divina?

Lectio Divina hija mod ta’ kif wieħed jipprofondixxi r-relazzjoni tiegħu m’Alla permezz tal-Kelma tiegħu u ta’ kif wieħed ‘isir jaħseb bħalma kien jaħseb Kristu’ (Fil. 2, 5). Hija talba li fiha nħallu ‘l Alla jibda d-djalogu magħna aktar milli mmorru quddiemu bl-aġenda tagħna. Infatti l-ewwel pass tal-Lectio Divina huwa l-qari tal-Kelma t’Alla fejn wieħed jisma’ u jixtarr il-Kelma u mhux sempliċiment jaqraha. Dan isir wara li wieħed jiskot u jpoġġi ruħu għad-dispożizzjoni tal-Kelma t’Alla billi jiftaħ moħħu u qalbu għal Alla u jisimgħu ikellmu bħallikieku kien Alla nnifsu li qed jaqralu l-Kelma tiegħu. Allura f’dan is-sens naraw kif il-Kelma t’Alla hija indirizzata direttament lil dik il-persuna li tkun qed tirċeviha u kif dik l-istess persuna, fit-talb, twieġeb għaliha b’qalb miftuħa. Huwa biss meta nisimgħu l-Kelma bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba li nistgħu nistennew ‘l Alla jkellimna.

 

Ir-raba’ passi tal-Lectio Divina:

L-ewwel pass: Lectio
· Aqra s-silta u sir midħla sew ta’ dak li qed jgħid it-test magħżul.

It-tieni pass: Meditatio
· Aħseb dwar il-Kelma li smajt u ara xi jrid jgħidlek Alla permezz tagħha u kif tista’ tapplikaha fil-ħajja tiegħek.

It-tielet pass: Oratio
· Tkellem ma’ Alla, iftaħ qalbek miegħu, wieġbu għal dak li qallek permezz tal-Kelma tiegħu.

Ir-raba’ pass: Contemplatio
· Strieħ fil-preżenza tal-Mulej u ħallieh jimliek bl-imħabba tiegħu.

 

Dati tal-Lectio

 

Lectio Divina

Lectio Divina