28th September 2015

Il-Magħmudija

Nistgħu ngħidu li l-Magħmudija hija l-ewwel pass tan-nisrani. Dakinhar li persuna tirċievi s-Sagrament tal-Magħmudija, dik il-persuna tidħol fil-komunità nisranija li hija l-Knisja. Għalhekk il-Magħmudija hija wieħed mit-tliet Sagramenti ta’ inizjazzjoni flimkien mal-Konfermazzjoni u l-Ewkaristija u permezz ta’ dawn it-tliet sagramenti li l-persuna ssir membru sħiħ tal-Ġisem ta’ Kristu li hija l-Knisja. Kien għalhekk li fil-bidu tal-Knisja dawn it-tliet sagramenti kienu jingħataw fl-istess ċelebrazzjoni.

Il-magħmudija tagħti twelid ġdid lin-nisrani li, permezz ta’ dan is-sagrament, imut ma’ Kristu biex jieħu sehem miegħu fil-Qawmien tiegħu għall-ħajja. Minn hawn insibu r-rabta bejn is-sagrament tal-Magħmudija u l-vġili tal-Għid, rabta li toħroġ ċara ħafna fil-Liturġija ta’ Sibt il-Għid. Fil-fatt, fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, is-Sagrament tal-Magħmudija kien jiġi ċċelebrat biss f’Sibt il-Għid u, bħala preparazzjoni u talb għalih, inbdiet il-prattika tar-Randan. Hawn ta’ min jgħid li fi żmien ir-Randan mhux il-katekumeni biss kienu jippreparaw ruħhom iżda l-membri tal-komunità kollha kienu jirriflettu fuq ħajjithom bħala ‘mgħammdin fi Kristu.’

Marbuta mas-sagrament tal-Magħmudija hemm erba’ simboli:

• L-ilma – li jnaddaf u jagħti l-ħajja. L-ilma fil-magħmudija huwa sinjal ta’ ħajja ġdida.
• Iż-żejt – id-dilka biż-żejt tfisser missjoni. Kull persuna li tirċievi s-sagrament tal-Magħmudija tingħata missjoni x’taqdi f’isem Ġesù Kristu. Iż-żejt fil-Magħmudija jfisser ukoll li l-Ispirtu s-Santu niżel fl-imgħammed biex iħarsu, jipproteġih u jqawwih, u għalhekk ngħidu li fil-magħmudija nsiru ‘tempju tal-Ispirtu s-Santu’.
• Il-libsa bajda – din tissimbolizza ħajja ġdida fi Kristu Rxoxt. L-imgħammed ‘libes lil Kristu’ u allura jrid iħaddan il-karattru tiegħu.
• Ix-xemgħa – tissimbolizza d-dawl ta’ Kristu Rxoxt. In-nisrani għandu l-missjoni li jwassal id-dawl ta’ Kristu fid-dinja.

Il-Magħmudija titlob impenn minn kull min jirċeviha. Fil-każ tal-Magħmudija tat-trabi l-impenn jaqa’ fuq il-ġenituri li jitolbu l-Magħmudija għal uliedhom. Dawn għandhom ir-responsabiltà li jedukaw ‘l uliedhom fil-fidi nisranija u bil-kliem u bl-għemil jgħaddulhom il-valuri nsara. L-adulti, minn naħa l-oħra, għandhom ir-responsabiltà li jieħdu bis-serjetà l-mixja tagħhom ta’ dixxipli wara Ġesù Kristu li titlob minnhom il-ħajja nisranija.

Is-sagrament tal-Magħmudija jiġi ċċelebrat fil-Knejjes parrokkjali, imma minħabba r-rabta qawwija li hemm bejn il-Magħmudija u Sibt il-Għid, il-Knisja tagħti permess biex dan is-sagrament ikun iċċelebrat ukoll fiċ-Ċentri Pastorali kemm-il darba ssir ukoll il-Liturġija ta’ Sibt il-Għid. Huwa propju għalhekk li fiċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar il-Magħmudija tiġi ċċelebrata biss nhar Sibt il-Għid.

Għalhekk dawk il-koppji li jkollhom tarbija u jkunu jixtiequ jgħammduha nhar Sibt il-Għid, huma mitluba jkellmu lil Dun Ray Zammit, ir-rettur ta’ din il-Kappella. Dawk li jixtiequ jgħammdu lit-tfal tagħhom f’ġurnata oħra, għandhom ikellmu lill-Arċipriet/Kappillan tal-parroċċa tagħhom.

Il-Magħmudija

Il-Magħmudija