28th September 2015

Grupp Irġiel Sgħajtar

Formazzjoni u talb – Grupp irgiel sghajtar

Il-Grupp Irġiel Sgħajtar ilu jiffunzjona sa mis-sena 2005. Dik is-sena r-rettur taċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar, Dun Frans Abdilla, kien ħa l-inizjattiva biex organizza ġurnata Għawdex għall-irġiel. Ftit xhur wara, ir-rettur il-ġdid, Dun Ray Żammit, għamel stedina lill-irġiel tal-komunità biex niltaqgħu u mmorru nieklu flimkien. Din il-laqgħa serviet biex laqqgħet grupp imdaqqas ta’ rġiel li, wara ftit, bdew jiltaqgħu regolarment, kważi darba fix-xahar. Din l-attività, li għadha għaddejja sal-lum, tistieden lill-grupp biex jisimgħu quddiesa, imbagħad jattendu laqgħa/taħdita u wara jieklu xi ħaġa flimkien.

Bħalissa l-Grupp Irġiel Sgħajtar għandu Kumitat magħmul minn erba’ persuni, Hector Spiteri, John Caruana, Tonio Muscat u Philip Mifsud. Minbarra l-laqgħa ta’ kull xahar, il-Kumitat jieħu ħsieb jorganizza diversi attivitajiet oħra. Fost dawn insemmu l-Via Sagra, li ssir kull ġimgħa, laqgħat penitenzjali fi żmien ir-Randan, adorazzjoni fil-Ġimgħa Mqaddsa, bibiti f’okkażjonijiet speċjali, bħalma huwa l-Milied, ħarġiet edukattiv u mawriet ta’ mistrieħ għall-irġiel u n-nisa.

L-għan tal-Grupp huwa spiritwali, komunitarju u organizzattiv. Minbarra t-tkabbir spiritwali tal-membri rġiel tal-komunità tas-Sgħajtar, il-Grupp ifittex li jkabbar is-sens ta’ komunità bejn il-membri kif ukoll jgħin, meta jista’, fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet u proġetti fi ħdan iċ-Ċentru Pastorali.

Għalkemm mhijiex l-intenzjoni speċifika tal-Grupp li jinġabru fondi għaċ-Ċentru, il-flus li jibqa’ mill-ikliet li jsiru wara l-laqgħat, jingħataw liċ-Ċentru b’turija ta’ radd ta’ ħajr u solidarjetà.

Grupp Irgiel Sghajtar

Grupp Irgiel Sghajtar