28th September 2015

Grizma tal-Morda

Bħal Griżma tal-Isqof, dan is-sagrament jissejjaħ Griżma għax iċ-ċelebrazzjoni tiegħu tikkonsisti essenzjalment fid-Dilka biż-żejt imbierek. Hekk ordna Ġesù lill-Knisja: ‘Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħalli dan isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej’ (Ġak 5, 14-15).

Bil-passjoni u l-mewt tiegħu Ġesù Kristu ta tifsir ġdid lit-tbatija, u jekk nissieħbu fil-passjoni tiegħu, it-tbatija tista’ ssir mezz ta’ purifikazzjoni u salvazzjoni għalina u għall-ohrajn. Dan is-sagrament jagħti grazzja speċjali lil min jirċevih. Din il-grazzja tgħaqqad b’mod intimu l-marid mal-Passjoni ta’ Kristu, għall-ġid tiegħu u għall-ġid tal-Knisja kollha. Fl-istess ħin dan is-sagrament jagħti faraġ, paċi, kuraġġ u jekk Alla jrid il-fejqan. F’każ li l-marid li jirċeviha ma setax iqerr jagħti wkoll il-maħfra tad-dnubiet. Is-sagrament tal-Griżma tal-morda jħejji l-marid għall-mogħdija għand Alla l-Missier.

Jistgħu jersqu għal dan is-sagrament dawk kollha li jkunu morda (anki jekk mhumiex fil-periklu tal-mewt) u dawk li jkunu sa jagħmlu operazzjoni. Dawn huma mitluba jitkellmu ma’ Dun Ray. Nieħdu gost inkunu nafu b’xi pazjenti li jkunu l-isptar biex inkunu nistgħu mmorru nżuruhom. Għall-konvenjenza tar-residenti li joqogħdu fl-akwati tas-Sgħajtar, iċ-Ċentru joffri servizz ta’ qrar u tqarbin fid-djar għall-morda u l-anzjani.

Grizma tal-Morda

Grizma tal-Morda