28th September 2015

Grizma tal-Isqof

Is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof huwa magħruf ukoll bħala s-Sagrament tal-Konfermazzjoni u huwa wieħed mit-tliet sagramenti tal-inizjazzjoni fil-ħajja nisranija. Dan is-sagrament jissejjaħ Griżma minħabba li r-rit essenzjali tiegħu hu d-dilka. Jissejjaħ Konfermazzjoni, għax jikkonferma u jwettaq il-grazzja tal-magħmudija. Sagrament huwa dejjem rigal mingħand Alla u għalhekk ngħidu li l-persuna se tirċievi l-Griżma tal-Isqof u mhux se tagħmel il-Griżma tal-Isqof.

L-effett tal-Konfermazzjoni hu l-għotja sħiħa tal-Ispirtu s-Santu kif ingħata nhar Għid il-Ħamsin. Fil-Pentekoste l-Ispirtu s-Santu ta l-ħajja lill-Knisja. Fil-Griżma tal-Isqof, l-Ispirtu s-Santu jagħti ħajja ġdida lil min jirċeviha. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu n-nisrani jkun jista’ jilbes il-karattru ta’ Kristu. Dakinhar li l-imgħammed jirċievi l-Griżma tal-Isqof isir persuna ġdida midluka biż-żejt tal-Ispirtu s-Santu li jsawwab fuqu d-doni tiegħu, jipproteġih u jiddefendih fil-mixja tiegħu wara Ġesù Kristu. ‘…fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu tal-għerf u d-dehen, l-ispirtu tal-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej’ (Isaija 11, 2-3).

Id-dlik bil-Griżma Mqaddsa jsir mill-Isqof jew id-delegat tiegħu fuq il-ġbin tal-imgħammed mal-kliem: “Ħu s-siġill tad-don tal-Ispirtu s-Santu”. Dan is-siġill jitqiegħed fuq in-nisrani fil-magħmudija, u jiġi kkonfermat fil-griżma. Il-fatt li aħna l-insara ssiġillati bl-Ispirtu jfisser li mqar jekk nintilfu permezz tad-dnub, nibqgħu dejjem ningħarfu bħala wlied il-Missier. Allura, billi dan is-siġill ma jitħassar qatt, kemm is-sagrament tal-Magħmudija kif ukoll is-sagrament tal-Konfermazzjoni jingħataw darba biss.

Issa n-nisrani mhuwiex biss issiġillat imma wkoll ikkonsagrat bl-Ispirtu bħalma kien Kristu nnifsu, u għalhekk hu possibbli għan-nisrani li jagħraf lil Kristu bħala ‘l Mulej ta’ ħajtu, li jħoss l-imħabba t’Alla u li jħalli l-Ispirtu jaħdem fih.

‘L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, nrodd il-ħelsien lill-maħqurin…’ (Lq 4, 18).
Tajjeb li ahna l-insara ma ninsewx l-Ispirtu li hemm fina u bħal Ġesù kulma nagħmlu nagħmluh fl-Ispirtu li bih aħna kkonsagrati.

Iċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar joffri formazzjoni għal dawk l-adoloxxenti li jkunu waslu biex jirċievu l-Griżma tal-Isqof waqt il-klassijiet tal-katekiżmu kemm is-Sibt kif ukoll matul il-Ġimgħa. Aktar tagħrif dwar id-duttrina jinkiseb hawnhekk.

 

Grizma tal-Isqof

Grizma tal-Isqof