28th September 2015

Adorazzjoni

Formazzjoni u talb – Adorazzjoni

Fil-Kappella Familja Mqaddsa ssir adorazzjoni Ewkaristika kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar wara l-quddiesa tas-7pm. Din tieħu madwar 20 minuta u tispiċċa għal ħabta tas-7.45pm. L-adorazzjoni tkun animata bil-kant, salmi, u riflessjoni qasira fuq silta mill-Iskrittura u tispiċċa bil-barka sagramentali. Ikun hemm ukoll ftit ħin fis-skiet biex wieħed ikun jista’ jistrieħ fil-Mulej u jithenna bl-imħabba tiegħu.

L-adorazzjoni tal-Ewkaristija għandha rabta sħiħa maċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku, meta Sidna Ġesú Kristu joffri Ġismu u Demmu bħala ikel u xorb għalina biex imantnina fil-mixja tagħna lejn il-qdusija. Hu għalhekk li s-sagrament tal-Ewkaristija huwa magħruf ukoll bħala s-sagrament tal-imħabba għax permezz tiegħu Kristu jingħata kollu kemm hu għalina.

Santu Wistin jgħidilna li ‘ħadd ma jiekol minn dak il-Ġisem jekk qabel ma jadurahx.’ Waqt iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, il-qassis jeleva l-Ġisem u d-Demm għażiż ta’ Kristu għal erba’ darbiet fejn il-fidili huma mistiedna biex jaduraw:

• waqt il-konsagrazzjoni
• fit-tmiem tat-talba Ewkaristika qabel tingħad il-Missierna
• qabel it-tqarbin meta l-qassis jippreżenta l-Ewkaristija lill-ġemgħa kollha u jgħid ‘Dan Hu l-Ħaruf t’Alla…’
• fl-aħħar u b’mod aktar personali l-Ostja Mqaddsa tiġi elevata quddiem kull fidil li jersaq biex jitqarben u f’dan il-mument ta’ grazzja kull fidil huwa mistieden li jadura l-Ħobż tal-Ħajja qabel ma jirċevih.

Hawn naraw kif l-espożizzjoni u l-adorazzjoni Ewkaristika ġejjin minn dawn il-mumenti sinifikattivi tal-elevazzjoni tas-Santissimu Sagrament li jfakkruna wkoll li Sidna Ġesù Kristu ġie merfugħ fuq is-Salib għas-salvazzjoni tagħna.
Għalina l-insara l-ħin li nagħmlu fl-adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija Mqaddsa għandu jkun ħin intimu mal-Mulej li fih nitgħaxxqu bil-preżenza tiegħu u nagħrfu l-imħabba bla qies li għandu għalina li għoġbu jibqa’ magħna f’dan is-sagrament tal-għaġeb. Kull nisrani li jixtieq jibni relazzjoni intima ma’ Kristu u jitwaħħad miegħu għandu jfittex li jqatta’ ħin miegħu.

Adorazzjoni

Adorazzjoni